Gonbad-e Qābus
Gonbad-e Qābus jew Gonbad-e Qabus (bil-Persjan: برج گنبد قابوس) huwa torri u monument fil-belt ta' Gonbad-e Qābus, l-Iran, u sar Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2012.[1] Fih il-qabar tal-mexxej Żijarid Qabus (li rrenja mid-978 sal-1012), u nbena matul ħajtu fl-1006-1007. Huwa torri-qabar ċilindriku li jlaħħaq għoli ta' madwar 61 metru (200 pied) u jidher minn saħansitra xi 30 kilometru (19-il mil) 'il bogħod.[2][3] Il-belt fejn jinsab it-torri ngħatat l-istess isem bħall-monument.[4]
Il-monument jitiqes bħala kapulavur tal-arkitettura Iranjana, u skont Oleg Grabar jirnexxilu jikseb "bilanċ kważi perfett bejn l-iskop (l-għoti tal-glorja rjali wara l-mewt), l-għamla (torri ċilindriku ttrasformat fi stilla), u materjal uniku (brikks)".[5][6] It-torri ta' Gonbad-e Qābus huwa l-iżjed torri-qabar magħruf fit-Tramuntana tal-Iran u deher f'bosta pubblikazzjonijiet.[7]
Kostruzzjoni, pjanta u disinn
[immodifika | immodifika s-sors]Il-kitbiet imnaqqxa fuq it-torri, miktubin bi proża tirrima, jistqarru li Qabus ordna li l-pedamenti tat-torri jinbnew matul ħajtu, fl-1006-1007. Huwa kien prinċep tad-dinastija Żijarida, li kienet ibbażat fir-reġjun storiku tat-Tabaristan fit-Tramuntana tal-Iran. Fis-seklu 11, dan ir-reġjun kien għadu qed jiġi kkonvertit miż-Żoroastrijaniżmu għall-Iżlam.[8]
Id-data tat-tqegħid tal-ġebla tax-xewka tal-monument tingħata b'żewġ stili ta' kalendarji: il-kalendarju solari Iranjan solar u l-kalendarju lunari Iżlamiku. Il-monument għandu dijametru intern ta' 9.67 metri (31.7 pied) fil-bażi tiegħu. Skont Sheila S. Blair (2002), id-daħla tal-binja fiha fost l-iżjed evidenza bikrija tal-iżvilupp tal-istruttura tal-muqarnas (jiġifieri volti qishom bl-istalaktiti) fl-Iran. Bħala disinn, it-torri ta' Gonbad-e Qābus jixbah torrijiet-oqbra ċilindriċi oħra tul il-kosta Iranjana tal-Baħar Kaspju. Madankollu, it-torri ta' Gonbad-e Qābus ivarja minn eżempji oħra minħabba l-"għoli straordinarju" tiegħu. Meta wieħed iqis is-saqaf koniku tiegħu, it-torri huwa għoli madwar 50 metru (160 pied) mill-art, jiġifieri tliet darbiet id-dijametru estern tiegħu. Sheila S. Blair tinnota:[4]
Il-qabar inbena għalkollox bi brikks moħmija ta' kwalità fina, li l-kulur isfar ċar tagħhom sar kważi kulur id-deheb minħabba x-xemx. Il-kwalità teknika tal-kostruzzjoni hija ċara diġà mill-fatt li l-monument għadu jeżisti f'kundizzjoni kważi perfetta minkejja ż-żmien, l-effetti klimatiċi u saħansitra l-isparar mir-Russi li ġie rrapportat. L-uniku tiżjin huwa żewġ strixxi bil-kitbiet imnaqqxa li jduru mad-dawra tal-binja 'l fuq mid-daħla u taħt is-saqaf. Kull strixxa hija maqsuma f'għaxar panewijiet, wieħed minnhom stabbilit bejn kull par riffieda. (...) It-test imqiegħed bir-reqqa joħloq armonija mal-purezza formali u l-vertikalità għolja tat-torri, u b'hekk jitqies bħala wieħed mill-iżjed monumenti famużi u tal-għaġeb tal-arkitettura Iranjana kollha.
Oleg Grabar (1975) kiteb li t-torri ta' Gonbad-e Qābus "jagħmel parti b'mod ċar mill-kategorija ġenerali ta' arkitettura lajka għall-konsum tal-massa".[9] Hu u jiddiskuti l-għamliet tat-torrijiet-oqbra tat-Tramuntana tal-Iran (fosthom it-torri ta' Gonbad-e Qābus), Grabar iddikjara li jaf huma kkollegati mal-istrutturi funebri taż-Żoroastrijaniżmu.[10] Skontu, ir-rabta mal-istrutturi funebri taż-Żoroastrijaniżmu hija "ssuġġerita bis-saħħa". Huwa jikkwota bħala eżempji l-użu tal-kalendarju solari Persjan fil-kitba mnaqqxa tat-torri ta' Gonbad-e Qābus, kif ukoll l-użu okkażjonali tal-Persjan Nofsani (Pahlavi) fuq it-torrijiet-oqbra l-oħra tat-Tramuntana tal-Iran. Skont Melanie Michailidis (2009), l-influwenza taż-Żoroastrijaniżmu hija "preżenti b'mod ċar" fit-torrijiet-oqbra tat-Tramuntana tal-Iran, u din toħroġ fid-dieher permezz tal-għoli, tal-iskop u tal-għamliet tagħhom.[11] Hija ssostni li t-torrijiet-oqbra nbnew miż-Żijaridi u mill-Bavandidi biex jemulaw "il-mawżolej lussużi mitlufa tas-Sassanidi".[12]
Għalkemm it-torri huwa maħsub biex iservi bħala l-mawżolew ta' Qabus, ma hemm l-ebda katavru midfun fuq ġewwa, l-istess bħat-torrijiet-oqbra l-oħra tat-Tramuntana tal-Iran.[13][14] Skont leġġenda, Qabus indifen f'tebut tal-ħġieġ, imdendel fl-arja bil-ktajjen mis-saqaf.[15] Michailidis iżżid li "l-fatt li l-iskavaturi ma sabux katavru jaf isaħħaħ it-twemmin ta' din il-ġrajja". Hi tispjega li t-torrijiet kienu jintużaw b'mod sinkretiku. Il-katavri kienu jitpoġġew fl-oqbra, iżda mbagħad jiġu olzati mill-art, u jserrħu fuq pjattaforma "magħmula minn xi materjal impermeabbli".[16] Peress li t-Tabaristan kienu għadu għaddej mill-Iżlamizzazzjoni matul dak iż-żmien, is-sinkretiżmu skont Michailidis hija spjegazzjoni loġika. It-torri ta' Qabus jissodisfa bosta kriterji għad-dfin tal-mejtin skont id-drawwiet taż-Żoroastrijaniżmu, iżda ma jidħolx "eżatt" fil-kategorija tad-"dfin tal-mejtin skont id-drawwiet ortodossi taż-Żoroastrijaniżmu", u ma jaqbilx lanqas ma' "dfin Musulman kif suppost".[17]
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]It-torri-qabar ta' Gonbad-e Qābus ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2012.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' erba' kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[1]
Gallerija
[immodifika | immodifika s-sors]Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Gonbad-e Qābus". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-12-26.
- ^ Grabar, Oleg (1975). "The Visual Arts". In Frye, R. N. (ed.). The Cambridge History of Iran, Vol. 4: From the Arab Invasion to the Saljuqs. Cambridge University Press. ISBN 978-0521200936. p. 341.
- ^ Hejazi, Mehrdad; Saradj, Fatemeh Mehdizadeh (2014). Persian Architectural Heritage: Architecture. WIT Press. ISBN 978-1845644123. p. 15.
- ^ a b Blair, Sheila S. (2002). "GONBAD-E QĀBUS iii. MONUMENT". In Yarshater, Ehsan (ed.). Encyclopædia Iranica, Volume XI/2: Golšani–Great Britain IV. Londra u New York: Routledge & Kegan Paul. pp. 126-129. ISBN 978-0-933273-62-7.
- ^ Grabar, Oleg (1975). "The Visual Arts". In Frye, R. N. (ed.). The Cambridge History of Iran, Vol. 4: From the Arab Invasion to the Saljuqs. Cambridge University Press. ISBN 978-0521200936. pp. 341-342.
- ^ Foundation, Encyclopaedia Iranica. "Ziyarids". iranicaonline.org (bl-Ingliż). Miġbur 2023-12-26.
- ^ Michailidis, Melanie (2009). "Empty Graves: The Tomb Towers of Northern Iran". In Gacek, Tomasz; Pstrusińska, Jadwiga (eds.). Proceedings of the Ninth Conference of the European Society for Central Asian Studies. Cambridge Scholars Publishing. ISBN 978-1443815024. p. 248.
- ^ Michailidis, Melanie (2009). "Empty Graves: The Tomb Towers of Northern Iran". In Gacek, Tomasz; Pstrusińska, Jadwiga (eds.). Proceedings of the Ninth Conference of the European Society for Central Asian Studies. Cambridge Scholars Publishing. ISBN 978-1443815024. pp. 247; 255.
- ^ Grabar, Oleg (1975). "The Visual Arts". In Frye, R. N. (ed.). The Cambridge History of Iran, Vol. 4: From the Arab Invasion to the Saljuqs. Cambridge University Press. ISBN 978-0521200936. p. 341.
- ^ Grabar, Oleg (1975). "The Visual Arts". In Frye, R. N. (ed.). The Cambridge History of Iran, Vol. 4: From the Arab Invasion to the Saljuqs. Cambridge University Press. ISBN 978-0521200936. p. 342.
- ^ Michailidis, Melanie (2009). "Empty Graves: The Tomb Towers of Northern Iran". In Gacek, Tomasz; Pstrusińska, Jadwiga (eds.). Proceedings of the Ninth Conference of the European Society for Central Asian Studies. Cambridge Scholars Publishing. ISBN 978-1443815024. pp. 247; 253.
- ^ Michailidis, Melanie (2009). "Empty Graves: The Tomb Towers of Northern Iran". In Gacek, Tomasz; Pstrusińska, Jadwiga (eds.). Proceedings of the Ninth Conference of the European Society for Central Asian Studies. Cambridge Scholars Publishing. ISBN 978-1443815024. p. 255.
- ^ Michailidis, Melanie (2009). "Empty Graves: The Tomb Towers of Northern Iran". In Gacek, Tomasz; Pstrusińska, Jadwiga (eds.). Proceedings of the Ninth Conference of the European Society for Central Asian Studies. Cambridge Scholars Publishing. ISBN 978-1443815024. p. 149.
- ^ Michailidis, Melanie (2009). "Empty Graves: The Tomb Towers of Northern Iran". In Gacek, Tomasz; Pstrusińska, Jadwiga (eds.). Proceedings of the Ninth Conference of the European Society for Central Asian Studies. Cambridge Scholars Publishing. ISBN 978-1443815024. pp. 247-248.
- ^ Michailidis, Melanie (2009). "Empty Graves: The Tomb Towers of Northern Iran". In Gacek, Tomasz; Pstrusińska, Jadwiga (eds.). Proceedings of the Ninth Conference of the European Society for Central Asian Studies. Cambridge Scholars Publishing. ISBN 978-1443815024. pp. 248-249.
- ^ Michailidis, Melanie (2009). "Empty Graves: The Tomb Towers of Northern Iran". In Gacek, Tomasz; Pstrusińska, Jadwiga (eds.). Proceedings of the Ninth Conference of the European Society for Central Asian Studies. Cambridge Scholars Publishing. ISBN 978-1443815024. pp. 255-256.
- ^ Michailidis, Melanie (2009). "Empty Graves: The Tomb Towers of Northern Iran". In Gacek, Tomasz; Pstrusińska, Jadwiga (eds.). Proceedings of the Ninth Conference of the European Society for Central Asian Studies. Cambridge Scholars Publishing. ISBN 978-1443815024. pp. 254-256.