Aqbeż għall-kontentut

Charles Nicolle

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Charles Nicolle
professur

Ħajja
Isem propju Charles Jules Henri Nicolle
Twelid Rouen, 21 Settembru 1866
Nazzjonalità Franza
L-ewwel lingwa Franċiż
Mewt Tuneż, 28 Frar 1936
Familja
Missier Eugène Nicolle
Aħwa
Edukazzjoni
Alma mater Istitut ta' Pasteur 1893) Dottorat tal-Mediċina
Lycée Pierre-Corneille (en) Translate
Lingwi Franċiż
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni biologu
tabib
professur
batterjologu
mikrobijologu
botaniku
Impjegaturi Istitut ta' Pasteur  (1903 -  1936)
Collège de France  (1932 -  1936)
Premjijiet
Nominat għal
uri
  • [[Premju Nobel għall-Fiżjoloġija u l-Mediċina]]
    (1919)
    [[Premju Nobel għall-Fiżjoloġija u l-Mediċina]]
    (1920)
    [[Premju Nobel għall-Fiżjoloġija u l-Mediċina]]
    (1925)
    [[Premju Nobel għall-Fiżjoloġija u l-Mediċina]]
    (1926)
    [[Premju Nobel għall-Fiżjoloġija u l-Mediċina]]
    (1927)
    [[Premju Nobel għall-Fiżjoloġija u l-Mediċina]]
    (1928)
Sħubija Akkademja Franċiża tax-Xjenzi
Akkademja Rjali Żvediża tax-Xjenzi
Académie Nationale de Médecine
Société des écrivains normands (en) Translate
Académie des sciences d'outre-mer (en) Translate

Charles Jules Henri Nicolle (twieled fil-21 ta' Settembru 1866 – miet fit-28 ta' Frar 1936)[1] kien batterjologu Franċiż li ngħata l-Premju Nobel għall-Mediċina talli identifika l-qamel bħala t-trażmettituri tal-epidemija tat-tifu.

Il-ġenituri ta' Nicolle kienu Aline Louvrier u Eugène Nicolle. Huwa twieled f'Rouen, Franza, u trabba bħala parti minn familja ta' klassi medja li kienet tgħożż l-edukazzjoni.[2] Huwa kellu żewġ aħwa oħra – ħuh il-kbir, Maurice Nicolle (mikrobijologu mediku u professur fl-Istitut ta' Pasteur f'Pariġi, u Direttur tal-Istitut Batterjoloġiku ta' Kostantinopli), u ħuh iż-żgħir, Marcel Nicolle (kritiku tal-arti).

Nicole iktar 'il quddiem iżżewweġ lil Alice Avice fl-1895, u kellhom żewġt itfal, Marcelle (li twieled fl-1896) u Pierre (li twieled fl-1898), u t-tnejn li huma komplew ukoll fil-qasam mediku.[2][3]

Studji u karriera

[immodifika | immodifika s-sors]

L-iktar influwenzi edukattivi bikrin ta' Nicolle ġew mingħand missieru, li kien tabib fi sptar f'Rouen. Nicolle iktar 'il quddiem kompla bl-edukazzjoni tiegħu fil-Lycée Pierre Corneille f'Rouen, u kompla jistudja sakemm kiseb il-lawrja medika tiegħu mill-Istitut ta' Pasteur ta' Pariġi fl-1893. F'dak il-punt reġa' lura lejn Rouen, bħala membru tal-Fakultà tal-Mediċina sal-1896 u mbagħad sar Direttur tal-Laboratorju Batterjoloġiku mill-1896 sal-1902. Għall-ħabta ta' dak iż-żmien, Nicolle ttarrax minn widna waħda, u dan illimita l-abbiltà tiegħu li jkompli bil-prattika klinika u fl-istess ħin ħeġġu jkompli bir-riċerka akkademika bħala karriera alternattiva. Din tal-aħħar seħħet fl-1903, meta sar id-Direttur tal-Istitut ta' Pasteur f'Tuneż u wettaq ix-xogħol fuq it-tifu li rebbħu l-Premju Nobel, filwaqt li daħħal lil Hélène Sparrow miegħu bħala kap tal-laboratorju. Huwa baqa' d-direttur tal-istitut sa mewtu fl-1936.[4]

Tmexxija tal-Istitut ta' Pasteur f'Tuneż

[immodifika | immodifika s-sors]

Qabel ma Nicolle ħa l-kariga tat-tmexxija tal-Istitut ta' Pasteur f'Tuneż, l-Istitut ta' Pasteur f'Pariġi baqa' ċ-ċentru predominanti għar-riċerka fi Franza u kienet tipprova tgħaqqad ir-riċerka medika, it-tagħlim u s-servizz pubbliku (it-trattament tal-mard) skont prinċipji missjunarji ta' Pasteur. Madankollu, taħt il-gwida ta' Nicolle matul it-33 sena ta' wara, l-Istitut f'Tuneż malajr sar ċentru internazzjonali għalih innifsu għall-produzzjoni ta' vaċċini li kienu jintużaw kontra l-mard infettiv u għar-riċerka medika.[5]

Is-suċċess ta' Nicolle fit-tkabbir tal-Istitut ta' Pasteur f'Tuneż kien imsejjes primarjament fid-devjazzjoni tiegħu mill-ideoloġija tradizzjonali ta' Pasteur li kienet issostni li l-għajnuna u r-riċerka medika kellhom isiru mingħajr profitt. Minflok, Nicolle pprova attivament jibni relazzjonijiet mal-uffiċjali lokali Tuneżini u dawk Franċiżi, u organizza l-Istitut b'tali mod li funzjonijiet mediċi oħra (bħall-indukrar tal-pazjenti morda) setgħu jappoġġaw monetarjament ir-riċerka kontinwa tal-laboratorju tal-Istitut. B'hekk irnexxielu jikseb l-awtonomija biex imexxi l-Istitut mingħajr ma jiddependi fuq fondi pubbliċi jew tal-gvern. Iktar ma l-Istitut baqa' jikber fl-istabbiltà finanzjarja, Nicolle indirizza l-mard u t-tħassib tas-saħħa pubblika li kienu prevalenti fir-reġjun lokali, ikkondivida s-sejbiet tar-riċerka u r-riżorsi mal-Istitut f'Pariġi, u saħħaħ il-kitbiet xjentifiċi tiegħu f'ġurnal imsejjaħ l-Archives de l’Institut de Tunes. Huwa sar ukoll punt ta' kuntatt ewlieni għall-gvern Franċiż meta faqqgħu epidemiji ġodda li kienu jirrikjedu l-intervent tiegħu – bħall-epidemija tal-malarja tal-1906 u t-tifqigħa tal-kolera tal-1907.[5]

Matul ħajtu, Nicolle wettaq ukoll żewġ proġetti prinċipali li wasslu biex jiddefinixxu r-rwol tiegħu fil-komunità xjentifika – l-iskoperta tal-modalità tat-trażmissjoni tat-tifu (marda infettiva prevalenti fit-Tramuntana tal-Afrika u fil-Baċir tal-Mediterran dak iż-żmien) u l-produzzjoni tal-vaċċini.[5]

Skoperta tal-vettur tat-trażmissjoni tat-tifu

[immodifika | immodifika s-sors]

L-iskoperta ta' Nicolle waslet bis-saħħa tal-osservazzjoni li għamel li, filwaqt li l-pazjenti tal-epidemija tat-tifu setgħu jinfettaw lil pazjenti oħra fl-isptar u lil hinn minnu, u l-ħwejjeġ tagħhom stess bħal donnhom kienu qed ixerrdu l-marda, huma ma kinux infettivi iktar wara li kienu jieħdu banju sħun u kienu jibdlu l-ħwejjeġ tagħhom. Ladarba rrealizza dan, huwa rraġuna li x'aktarx li l-qamel kienu l-vettur għall-epidemija tat-tifu.[5]

Peress li l-istudju tat-trażmissjoni tat-tifu kienet teħtieġ li l-parassiti jkunu ħajjin (u kellhom bżonn ospitant uman), ix-xjenzat setgħu jistudjawh biss matul żmien l-epidemija. Madankollu, Nicolle sab li ċ-ċimpanżi kienu ospitanti alternattivi adattati għal dan l-istudju peress li kienu ġenetikament simili għall-bnedmin, u f'Ġunju 1909, Nicolle ittestja t-teorija tiegħu billi infetta ċimpanżi bit-tifu, ħa kampjun tal-qamel minnha, u poġġihom fuq ċimpanżi f'saħħtu.[6] Fi żmien għaxart ijiem, it-tieni ċimpanżi kien ikun infettat bit-tifu wkoll. Wara li rrepeta l-esperiment tiegħu, huwa kien ċert għall-aħħar: il-qamel kienu l-vettur tal-marda. Nicolle kompla bir-riċerka kontinwa tiegħu dwar il-marda, u iktar 'il quddiem beda juża l-fniek tal-Indì bħala l-organiżmu mudell tiegħu minflok iċ-ċimpanżi peress li kienu suxxettibbli bl-istess mod għall-infezzjoni u kienu wkoll iżgħar u orħos.[5]

Sejba importanti minn iktar riċerka wriet li metodu ta' trażmissjoni maġġuri ma kienx il-gdim tal-qamel iżda l-eskrementi tal-qamel: il-qamel infettati bit-tifu kienu jsiru ħomor u jmutu wara xi ġimagħtejn, iżda fl-istess ħin jipproduċu eskrementi b'għadd kbir ta' mikrobi. Meta kwantità żgħira ta' dawn l-eskrementi tmiss mal-ġilda jew mal-għajnejn, isseħħ infezzjoni.

Ix-xogħol ta' Nicolle mhux biss kien influwenti għat-trażżin tal-epidemija tat-tifu fir-reġjun, iżda għen ukoll lix-xjenzati jiddistingwu bejn id-deni tat-tifu kkawżat mill-qamel u t-tifu kkawżat mill-briegħed.[7]

Tentattiv ta' vaċċin

[immodifika | immodifika s-sors]

Nicolle sostna li seta' jipproduċi vaċċin sempliċi billi jgħaffeġ il-qamel u jħalltu ma' serum tad-demm mill-pazjenti li jkunu fiequ. Huwa pprova dan il-vaċċin fuqu nnifsu, u wara li baqa' f'saħħtu, ipprovah fuq ftit tfal (minħabba li jkollhom sistemi immunitarji aħjar), li kienu mardu bit-tifu iżda fiequ.[7]

Huwa ma kellux suċċess fl-isforz tiegħu li jiżviluppa vaċċin prattiku. Il-pass li jmiss wasal permezz ta' Rudolf Weigl fl-1930.[7]

Minkejja li ma setax jiżviluppa t-tlaqqim kontra t-tifu, Nicolle għamel diversi skoperti ewlenin oħra fil-qasam tat-tlaqqim. Huwa kien l-ewwel wieħed li ddetermina li l-fluworur tas-sodju kien reaġent tajjeb għall-isterilizzazzjoni tal-parassiti (biex ma jibqgħux infettivi iktar) filwaqt li l-istruttura tagħhom tiġi ppreservata (biex tintuża fil-vaċċini). Permezz ta' dan il-metodu, huwa żviluppa l-vaċċini kontra l-gonorrea, xi infezzjonijiet stafilokokkali, u l-kolera. Dawn il-vaċċini mhux biss intużaw fi Franza kollha, iżda ntbagħtu fid-dinja kollha.[7]

L-ikbar kisbiet ta' Nicolle fil-batterjoloġija u fil-parassitoloġija kienu:

  • L-iskoperta tal-metodu ta' trażmissjoni tad-deni tat-tifu
  • L-introduzzjoni ta' vaċċin għall-bruċellożi
  • L-iskoperta tal-metodu ta' trażmissjoni tad-deni mill-qurdien
  • L-istudji tiegħu dwar il-kanċer, l-iskarlattina, il-pesta bovina, il-ħosba, l-influwenza, it-tuberkolożi u t-trakoma
  • L-identifikazzjoni tal-organiżmu parassitiku Toxoplasma gondii fi ħdan it-tessuti tal-gundi (Ctenodactylus gundi), li spiss jinstab fil-pazjenti bl-AIDS
  • L-istudju tiegħu dwar il-mikroorganiżmu parassitiku Leishmania tropica li kkawża l-ħruq Orjentali tal-ġilda

Tagħrif addizzjonali

[immodifika | immodifika s-sors]

Xogħlijiet maġġuri

[immodifika | immodifika s-sors]

Matul ħajtu Nicolle kiteb għadd ta' kotba mhux tal-fizzjoni u tal-batterjoloġija, fosthom:

  • Le Destin des Maladies infectieuses (1933)
  • La Nature, conception et morale biologiques (1934)
  • Responsabilités de la Médecine (1935)
  • La Destinée humaine (1936)

Huwa kiteb ukoll kotba tal-fizzjoni u tal-filosofija tul ħajtu kollha, inkluż:

  • Le Pâtissier de Bellone (1913)
  • Les deux Larrons (1929)
  • Les Contes de Marmouse (1930)

Nicolle kien mgħammed bħala Kattoliku, iżda ma baqax jipprattika dik ir-reliġjon meta għalaq tnax-il sena. Mill-1934, huwa ħass ansjetà spiritwali, u rrikonċilja mal-Knisja f'Awwissu 1935 wara li kkomunika ma' qassis Ġiżwita.[8]

  1. ^ Charle, Christophe; Telkes, Eva (1988). "74. Nicolle (Charles, Jules, Henri)". Publications de l'Institut national de recherche pédagogique. 3 (1): 193–195.
  2. ^ a b "Dworkin, Jonathan; Tan, Siang Yong (2012). "Charles Nicolle (1866–1936): Bacteriologist and conqueror of typhus" (PDF), Singapore Medical Journal. 52: 764–765" (PDF).
  3. ^ "The Nobel Prize in Physiology or Medicine 1928". NobelPrize.org (bl-Ingliż). Miġbur 2022-02-28.
  4. ^ "Hélène Sparrow (1891-1970) Biographical Sketch". web.archive.org. 2014-05-14. Arkivjat mill-oriġinal fl-2014-05-14. Miġbur 2022-02-28.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  5. ^ a b ċ d e Pelis, KIM (1997). "Prophet for Profit in French North Africa: Charles Nicolle and the Pasteur Institute of Tunis, 1903–1936". Bulletin of the History of Medicine. 71 (4): 583–622.
  6. ^ Schultz, Myron G.; Morens, David M. (2009). "Photo Quiz – Emerging Infectious Diseases journal". Emerging Infectious Diseases. 15 (9): 1519–1522.
  7. ^ a b ċ d Gross, L. (1 October 1996). "How Charles Nicolle of the Pasteur Institute discovered that epidemic typhus is transmitted by lice: reminiscences from my years at the Pasteur Institute in Paris". Proceedings of the National Academy of Sciences. 93 (20): 10539–10540.
  8. ^ Peña, Padre Ángel (2005). RITORNO A CASA, CRISTIANI, ATEI ED EBREI CONVERTITI ALLA FEDE CATTOLICA. Edizioni Villadiseriane. ISBN 978-8888076560.