Aqbeż għall-kontentut

Clara Schumann

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Clara Schumann
Ħajja
Isem propju Clara Josephine Wieck
Twelid Leipzig, 13 Settembru 1819
Nazzjonalità Renju tas-Sassonja
Residenza Leipzig
Mewt Frankfurt, 20 Mejju 1896
Post tad-dfin Alter Friedhof Bonn (en) Translate
Kawża tal-mewt kawżi naturali (puplesija)
Familja
Missier Friedrich Wieck
Omm Mariane Bargiel
Konjuga/i Robert Schumann  (12 Settembru 1840 -  29 Lulju 1856)
Ulied
Aħwa
Edukazzjoni
Lingwi Ġermaniż
Għalliema Friedrich-Wieck-Straße (en) Translate
Christian Theodor Weinlig (en) Translate
Studenti
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni pjanist
kompożitur
għalliem tal-mużika
Impjegaturi Hoch Conservatory (en) Translate
Xogħlijiet importanti Kunċert għall-pjanu
Trio għall-pjanu
Moviment artistiku mużika romantika
Strument/i tal-mużika pjanu

Clara Josephine Wieck Schumann (twieldet fit-13 ta' Settembru 1819 – mietet fl-20 ta' Mejju 1896) kienet pjanista u kompożitriċi Ġermaniża, mart il-kompożitur Robert Schumann.

Friedrich Wieck

Missier Clara, Johann Gottlob Friedrich Wieck (1785 - 1873), kien studja teoloġija. Kellu passjoni għall-mużika u kien waqqaf fabbrika tal-pjanijiet. Ommha, Marianne Tromlitz (1797 - 1872), kienet kantanta u pjanista. Kellha personalità qawwija u kburija: il-vokazzjoni tagħha kienet ġejja mill-familja li kienet ikkultivat l-arti tal-mużika għal ġenerazzjonijiet sħaħ. In-nannu ta' Marianne, Johann George Tromlitz, kien flawtista u kompożitur famuż, waqt li missieru kien kantant fi Plauen.[1]

Il-ġenituri ta’ Clara iżżewġu fl-1816 u l-koppja kellhom ħames ulied: Adelheid, li mietet qabel ma twieldet it-tieni tifla, Clara, Alwin, Gustav u Viktor. Fl-ewwel snin taż-żwieġ, Marianne rnexxielha tieħu ħsieb id-dar waqt li kompliet tkanta u tagħti lezzjonijiet tal-kant u tal-pjanu. Madankollu, in-nuqqas ta’ qbil ma’ żewġha malajr sar evidenti; meta twieled Viktor (1824), Marianne u Friedrich kienu diġà separati, u ddivorzjaw f'Jannar tas-sena ta' wara fl-1825.

Marianne żżewġet ftit xhur wara lil Adolph Bargiel, għalliem tal-mużika li kien ilu snin ħabib tal-koppja. Minnu kellha lil binha Woldemar, li kien se jsir kompożitur ta' ċertu importanza. Friedrich Wieck iżżewweġ (1828) lil Clementine Fechner, għoxrin sena iżgħar minnu, u kellu tifla, Marie.

Missier Clara Friedrich Wieck ma damx ma nduna bid-don li kellha u ddeċieda li jeħlisha mid-distrazzjonijiet tal-iskola u jirranġalha korsijiet privati, biex fuq kollox issir virtuosa tal-pjanu. Min-naħa tagħha, minkejja li ma kinetx taf tesprimi ruħha sew bil-miktub, kienet iżżomm djarju li fih kienet tikteb il-fatti u l-ġrajjiet fl-ewwel persuna. Aktar tard, però, kien jinsisti li jaqra dak li kienet kitbet fih. Dan eżempju minn meta Clara kellha 9 snin: Missieri, li kien ilu jittama għal bidla fija, irrimarka llum, għal darb'oħra, li għadni għażżiena, traskurata, diżordinata, rasi iebsa, diżubbidjenti, u dak anke fid-daqq tal-pjanu; u billi kont daqqejt daqshekk ħażin fil-preżenza tiegħu d-disa' Varjazzjonijiet op. 26 ta' Hünten, huwa ċarrat il-partitura quddiem għajnejja, u ddeċieda li mil-lum ‘l quddiem ma jħallinix għal siegħa waħda, u issa nista' jkolli ndoqq biss skali, studji Cramer u eżerċizzji Czerny għat-trilli.

Wieck personalment għallem lil bintu l-pjanu. Il-metodu pedagoġiku tiegħu għamilha artista tal-kunċert famuża, u ġie applikat ukoll b'suċċess minn Robert Schumann u Hans von Bülow. Madankollu, huwa ma kienx jirrispetta d-drittijiet tat-tfal u t-tagħlim barra l-mużika li bbenefikat minnu Clara kien limitat ħafna. L-influwenza ta’ missierha damet għal żmien twil, u tidher ċar fir-repertorju tal-kunċerti tal-perjodu bikri (Friedrich Kalkbrenner, Camille Pleyel, Ignaz Moscheles u Henri Herz). Clara darba biss sfidat l-intransiġenza ta’ missierha u daħħlet xogħlijiet ta' Ludwig van Beethoven u Johann Sebastian Bach fil-programmi tagħha.

Friedrich Wieck dejjem kien jakkumpanja lil bintu fit-tours. Kien jieħu ħsieb il-kuntratti, il-sala u l-istrument. Dwar dan l-aħħar aspett kien partikolarment puntiljuż: kien jieħu miegħu l-apparat meħtieġ kollu biex jikkorda u jsewwi l-pjanijiet akkoda li fuqhom kienet se ddoqq Clara. Dak iż-żmien, fil-fatt, ma kienx possibbli li jinġarr strument ta' dak id-daqs mal-pjanista u, barra minn hekk, id-diversi pjanijiet spiss kienu difettużi: tasti li jeħlu, sordini li ma jaħdmux u l-bqija.

Jidher li Clara bdiet titkellem tard ħafna, madwar l-età ta' erba' snin, u kien biss wara li qattgħet sena 'l bogħod minn missierha, fid-dar tan-nanniet tagħha. Bdiet it-tagħlim intensiv tal-pjanu fl-età ta’ ħames snin. Id-data tal-ewwel kunċert tagħha hija magħrufa wkoll: fl-20 ta' Ottubru 1829 ippreżentat, ma' student ieħor ta' missierha, xogħol għal erba' idejn ta’ Friedrich Kalkbrenner. It-tifla artista daqqet ukoll quddiem Goethe, Niccolò Paganini u Franz Liszt. Tat kunċerti f’bosta bliet; fi Vjenna, fl-età ta' 18, inħatret virtuosa da camera tal-imperatur. Fl-attività tagħha bħala kompożitur ma kinitx inqas: Il-Quatre Polonaises op. 1 ġew ippubblikati meta kellu biss għaxra jew ħdax-il sena. Dawn kienu segwiti minn Caprices en forme de Valse, Valses romantiques, Quatre pièces caractéristiques, Soirées musicales, kunċert għall-pjanu u bosta paġni oħra bħall-Lieder għall-vuċi u l-pjanu u, fuq kollox, it-Trio fis-Sol minuri għall-pjanu, il-vjolin u l-violoncello op. 17, li bla dubju huwa l-kapulavur tagħha.

Meta kellha 16-il sena bdiet tħobb lil Robert Schumann, student ta' missierha. Ma setgħetx tiżżewġu sa ħames snin wara, fit-12 ta' Settembru 1840, lejlet l-għeluq tall-ewwel u għoxrin sena tagħha, assolutament kontra x-xewqat ta' missierha, li ma setax jirrikonoxxi t-talent enormi ta’ Robert, konvint barra minn hekk li kien jixrob (li kien veru) u li ftit li xejn kellu suċċess bħala mużiċist, minħabba l-ideat innovattivi għal kollox fil-kompożizzjoni. L-ewwel snin taż-żwieġ kienu hienja. Robert kien jiddedika ruħu għall-kompożizzjoni. Barra minn hekk, kien jgħallem għall-ewwel sena, mill-1843, fil-konservatorju ta' Leipzig, mistieden mill-fundatur, il-ħabib tiegħu Felix Mendelssohn Bartholdy, iżda mbagħad ipprefera li jivvjaġġa ma’ martu f'tour ir- Russja. Il-koppja mbagħad marru joqgħodu Dresden, fejn Robert iddedika ruħu kompletament għall-kompożizzjoni.

Clara imbagħad segwit ‘il żewġha meta biddel minn belt għal oħra u ddedikat ruħha għall-saħħtu, peress li s-sintomi tal-instabbiltà mentali bdew jidhru u mbagħad marru għall-agħar matul is-snin, u b'mod partikolari f 'Düsseldorf fejn fl-1850 kien sab impjieg bħala direttur tal-mużika. Robert kien qiegħed ibati mill-amnesija u kien ikun moħħu mitluf għal sigħat sħaħ. Irriżulta li ma kienx direttur tajjeb. L-istat tiegħu tant sar ħażin li tkeċċa u wara ġie salvat minn dgħajsa waqt attentat ta’ suwiċidju fir-Renu fi Frar tal-1854. Għalhekk kellu jiġi internat fi sptar tal-moħħ f 'Endenich f' Bonn fejn miet sentejn wara.

Karriera wara l-mewt tar-raġel

[immodifika | immodifika s-sors]

Wara l-mewt ta' Robert fid-29 ta' Lulju, 1856, Clara iddedikat ruħha prinċipalment għall-interpretazzjoni tax-xogħlijiet ta' żewġha, iżda meta żaret l-Ingilterra għall-ewwel darba fl-istess sena, l-aktar bis-saħħa tal-ħabib kompożitur tagħha William Sterndale Bennett, il-kritiċi ngħaqdu kontra l-mużika ta’ Schumann f’kor ta’ diżapprovazzjoni.

Għenet ħafna biex jiġi apprezzat mill-kritiċi l-Kunċert fir-Re minuri ta' Brahms, xogħol li wara l-ewwel eżekuzzjoni f'Hanover kellu laqgħa fietla u kien għamel fjask f'Leipzig.[2] Il-kompożizzjoni bdiet tiġi apprezzata biss fis-sebgħinijiet tas-seklu 19, prinċipalment minħabba t-tenaċità ta' Clara Schumann u tal-istess awtur. [3]

Il-pjanista reġgħet marret lura Londra fl-1865 u kompliet bil-kunċerti kull sena sal-1882, barra erbgħa snin. L-Ingilterra reġgħet tat kunċerti kull sena bejn l-1885 u l-1888. Sikwit kien hemm interruzzjonijiet fl-attività pjanistika tagħha billi kien għaddejja minn perjodi ta’ għeja kbira. Bejn l-1873 u l-1875, il-pjanista kellha tħassar l-impenji kollha minħabba uġigħ kbir f’dirgħajha imma fl-1875 sabet xi serħan bis-saħħa tat-tekniki innovattivi introdotti minn Friedrich von Esmarch f’Kiel. Minkejja li saħħitha tjiebet, hi naqqset mill-attività tal-kunċert u neħħiet mir-repertrju tagħha dawk ix-xogħlijiet li kienu l-iktar fiżikament impenjattivi, fosthom iż-żewġ kunċerti ta’ Brahms għall-pjanu u orkestra nri.1 u 2, li kienu jħalluha mifnija bl-għeja.[4]

Fil-bidu kienet interessata fix-xogħlijiet ta’ Liszt, iżda wara żviluppat ostilità distinta kontrih. Waqfet milli ddoqq x-xogħlijiet tiegħu u ħassret id-dedikazzjoni lil Liszt, magħmula minn żewġha, tal-Fantasija fid-Do Maġġuri Op.17, meta ppubblikat ix-xogħol sħiħ. Irrifjutat li tipparteċipa fil-festival taċ-ċentinarju ta' Beethoven li sar fi Vjenna fl-1870, meta saret taf li Liszt u Richard Wagner se jipparteċipaw.[3] Kienet ukoll partikolarment ħarxa fil-kritika ta' Wagner. Qalet dwar it-Tannhäuser li "jifni ruħu f'atroċitajiet"; iddeskriviet l-opra Lohengrin bħala "orribbli"; u kiteb dwar il-kapulavur Tristan u Isolda li kienet "l-iktar ħaġa ta’ stmerrija li qatt rajt jew smajt f'ħajti kollha". [3]

Fl-1878 kisbet l-ewwel katedra tal-pjanu fil-Hochschule für Musik ta’ Frankfurt am Main, pożizzjoni li żammet sal-1892 u li fiha kkontribwixxiet ħafna għall-innovazzjoni tat-teknika moderna pjanistika.

Clara Schumann daqqet fl-aħħar kunċert pubbliku tagħha fit-12 ta' Marzu 1891 fi Frankfurt. L-aħħar xogħol li ppreżentat kien il-Varjazzjonijiet fuq Tema ta' Haydn ta’ Brahms, fil-verżjoni għal żewġ pjanijiet (op. 56a). Kellha puplesija fis-26 ta’ Marzu 1896, u mietet fl-20 ta’ Mejju ta’ wara fl-età ta’ 77 sena. Indifnet f 'Bonn fiċ-ċimiterju Alter Friedhof fl-istess qabar ta' żewġha.

  • (EN) Bertita Harding, Concerto: The Glowing Story of Clara Schumann. Indianapolis: Bobbs Merrill, 1961.
  • (EN) Berthold Litzmann, Clara Schumann: An Artist's Life, (1el edizzjoni 1913). New York: Da Capo Press; 1979. ISBN 0-306-79582-5
  • (DE) Johannes Brahms - Clara Schumann. Briefe aus den Jahren 1853-1896. 2 volumi, kura ta' Berthold Litzmann. Breitkopf & Härtel, Leipzig, 1927
  • (EN) Thomas Sowell, The Einstein Syndrome: Bright Children Who Talk Late, paġni 29-60. Basic Books; 2001. ISBN 0-465-08140-1
  • (EN) Roger Kamien, Music: an appreciation. Mcgraw-Hill College; 3et edizzjoni (1 ta' Awwissu, 1997). ISBN 0-07-036521-0
  • (EN) Joseph Machlis, Kristine Forney, The Enjoyment of Music. it-tmien edizzjoni. Norton: New York; 1999.
  • (EN) Nancy B. Reich, Clara Schumann, The Artist and The Woman. Cornell University Press. 1985. ISBN 0-8014-9388-9
  • (DE) Monica Steegmann, Clara Schumann, Reinbek bei Hamburg, Rowohlt, 2001
  • Piero Rattalino, Schumann: Robert & Clara, Zecchini Editore, paġ. 234, Varese, 2002. ISBN 88-87203-14-8
  • Raffaella Zagni, I Festival "Donne ch'avete intelletto...di suono", Carattere (Bologna) - Cartografica Artigiana (Ferrara)
  • Clara Wieck Schumann, Lettere, Diari, Ricordi. "Appartenere alla mia arte con anima e corpo", Introduzzjoni, traduzzjoni, noti u kummenti ta' Claudio Bolzan, pp. 262, Zecchini Editore, Varese, 2015. ISBN 978-88-6540-135-4
  • (DE) Den Lebenden schulden wir Rücksichtnahme, den Toten nur die Wahrheit. Eine Einführung in Friedrich Wiecks Welt der philisterhaften Mittelmässigkeit und besseren Salonmusik, fi: Friedrich Wieck – Gesammelte Schriften über Musik und Musiker [...], Tomi Mäkelä, Christoph Kammertöns und Lena Esther Ptasczynski (edituri), Peter Lang, Frankfurt am Main 2019, s. 15–49. ISBN 978-3-631-76745-0
  1. ^ M.Steegmann,' 'Clara Schumann' ', Reinbek 2001, p .9
  2. ^ http: //www.flaminioonline.it/Guide/Brahms-Concerto1.html
  3. ^ a b ċ Joseph Braunstein, Liner notes for Michael Ponti's recording of Clara Schumann's Piano Concerto No. 1 in A minor, Op. 7
  4. ^ https://www.corriere.it/salute/11_marzo_30/clara-schumann-sovraccarico-patologia_806739d2-56ce-11e0-847d-b307f7e234b2.shtml