Aqbeż għall-kontentut

Qabża tal-Biżonti Sfrakassati

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Il-Qabża tal-Biżonti Sfrakassati.

Il-Qabża tal-Biżonti Sfrakassati (bl-Ingliż: Head-Smashed-In Buffalo Jump) hija qabża tal-biżonti li tinsab fejn l-għoljiet inizjali tal-Muntanji tar-Rockies Kanadiżi jibdew jogħlew mill-praterija 18-il kilometru (11-il mil) fil-Punent ta' Fort Macleod, Alberta, il-Kanada, illum il-ġurnata qrib l-Awtostrada Nru 785. Hija Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO u tospita mużew tal-kultura Blackfoot.[1] Joe Crowshoe Sr. OC (1903–1999) – Aapohsoy’yiis (Denb il-Ballottra) – Anzjan ċerimonjali tal-Ġens Piikani fin-Nofsinhar ta' Alberta, kien strumentali fl-iżvilupp tas-sit. Ir-Residenza ta' Joe Crowshoe Sr. hija ddedikata għall-memorja tiegħu. Huwa qatta' ħajtu jippreserva l-kultura Aboriġina u jippromwovi r-relazzjoni bejn l-popli Aboriġini u mhux Aboriġini, u fl-1998 ingħata l-Premju Nazzjonali għall-Kisbiet għall-Aboriġini talli "salva l-għarfien u l-prattiki tal-poplu Blackfoot".[2]

Il-qabża tal-biżonti (xi kultant magħrufa wkoll bħala l-qabża tal-bufli) kienet ilha tintuża għal 5,500 sena mill-popli indiġeni tal-pjanuri biex joqtlu l-biżonti billi jiddiriġuhom lejn irdum għoli 11-il metru (36 pied). Qabel ma ġew introdotti ż-żwiemel, il-poplu Blackfoot kien jiddirieġi l-biżonti minn żona tar-ragħa fl-Għoljiet ta' Porcupine madwar 3 kilometri (1.9 mil) fil-Punent tas-sit lejn id-diversi "korsiji apposta", li kellhom mijiet ta' qishom girniet maġenbhom, billi kien jilbes ta' kojote jew ta' lupu. Dawn il-"kaċċaturi speċjalizzati tal-biżonti" kienu jkunu rġiel żgħażagħ midħla tal-imġiba tal-annimali u kienu jafu jiddirieġu l-biżonti lejn id-diversi korsiji. Imbagħad, kif kienu jisfrattaw b'veloċità kbira, il-biżonti kienu jibqgħu neżlin wieħed wara l-ieħor minħabba r-rassa tal-merħla ta' warajhom, kienu jiksru saqajhom u b'hekk kienu jiġu immobilizzati. L-irdum huwa twil madwar 300 metru (980 pied), u fl-ogħla punt tiegħu huwa għoli 10 metri (33 pied) mill-wied t'isfel. Is-sit kien jintuża mill-inqas 6,000 sena ilu, u d-depożiti tal-għadam tal-annimali nstabu f'fond ta' 12-il metru (39 pied). Wara li kienu jaqgħu mill-irdum, il-biżonti midruba kienu jinqatlu minn ġellieda Blackfoot oħra fil-bażi tal-irdum li kienu jkunu armati bil-lanez u bil-mazez. Il-karkassi mbagħad kienu jiġu pproċessati f'kamp fil-qrib. Il-kamp fil-bażi tal-irdumijiet kien jipprovdi lill-poplu b'dak kollu li kellu bżonn għall-ipproċessar tal-karkassi tal-biżonti, inkluż l-ilma ħelu. Il-karkassi tal-biżonti kienu jintużaw għal varjetà ta' skopijiet, minn għodod magħmula bl-għadam, għall-ġlud li kienu jintużaw għall-abitazzjonijiet u għall-ilbies. L-importanza tas-sit tmur lil hinn minn sempliċi forniment ta' ikel u ta' provvisti. Wara kaċċa ta' suċċess, l-abbundanza tal-ikel kienet tippermetti lill-poplu jgawdi l-ħin liberu u jqatta' ħin f'interessi artistiċi u spiritwali. B'hekk dan żied il-kumplessità kulturali tas-soċjetà.

Bil-lingwa tal-poplu Blackfoot, isem is-sit huwa Estipah-skikikini-kots. Skont leġġenda, Blackfoot żagħżugħ ried jara l-biżonti jaqgħu mill-irdum għal isfel mill-bażi tal-irdum, iżda ndifen taħt l-annimali li waqgħu. Iktar 'il quddiem instab mejjet taħt il-karkassi tal-annimali li sfrakassawlu rasu.[3]

Il-Qabża tal-Biżonti Sfrakassati ġiet abbandunata fis-seklu 19 wara l-kuntatt mal-Ewropej. Is-sit ġie rreġistrat għall-ewwel darba mill-Ewropej fis-snin 80 tas-seklu 19, u ġie skavat għall-ewwel darba mill-Mużew Amerikan tal-Istorja Naturali fl-1938. Ġie ddeżinjat bħala Sit Storiku Nazzjonali fl-1968, Sit Storiku Provinċjali fl-1979, u finalment Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1981 għax-xhieda tiegħu tal-ħajja u tad-drawwiet preistoriċi tal-poplu Aboriġenu.[1]

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]
Tabella tas-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fid-daħla tas-sit.

Il-Qabża tal-Biżonti Sfrakassati ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1981.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' kriterju wieħed tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[1]

Ċentru interprettativ u mużew

[immodifika | immodifika s-sors]
Iċ-ċentru interpretattiv u l-mużew.

Iċ-ċentru interpretattiv tal-Qabża tal-Biżonti Sfrakassati nfetaħ fl-1987 u nbena fl-irdum antik tal-ġebel ramli b'mod pjuttost naturalistiku. Fih ħames livelli distinti li juru l-ekoloġija, il-mitoloġija, l-istil ta' ħajja u t-teknoloġija tal-poplu Blackfoot fil-kuntest tal-evidenza arkeoloġika disponibbli, ippreżentati mill-puntidivista tal-popli Aboriġeni u tax-xjenza arkeoloġika Ewropea.

Iċ-ċentru joffri wkoll programmi edukattivi pubbliċi u għall-iskejjel li jistgħu jiġu rriżervati matul is-sena kollha. Kull sena, il-Qabża tal-Biżonti Sfrakassati tospita għadd ta' avvenimenti speċjali u festivals nattivi magħrufa mad-dinja kollha għall-ilwien, għall-enerġija u għall-awtentiċità tagħhom, fosthom il-Jiem tal-Ħsad tal-Biżonti, li jlaqqgħu flimkien lill-artisti u lill-artiġjani tal-Ewwel Ġnus li jesponu varjetà wiesgħa ta' ġojjellerija, ilbies, arti u oġġetti artiġjanali. Il-viżitaturi jistgħu jaraw dimostrazzjonijiet ta' daqq tat-tnabar u żfin tradizzjonali fiċ-ċentru kull nhar ta' Erbgħa f'Lulju u f'Awwissu fil-11 ta' filgħodu u fis-1:30 ta' waranofsinhar.

Wirja tal-fotografija bit-titlu Lost Identities: A Journey of Rediscovery (Identitajiet Mitlufa: Vjaġġ ta' Skoperta mill-Ġdid), b'kollezzjoni ta' ritratti meħuda fil-komunitajiet Aboriġini, ittellgħet għall-ewwel darba fiċ-ċentru interpretattiv tal-Qabża tal-Biżonti Sfrakassati fl-1999. Wara xi żmien bħala wirja li vvjaġġat madwar id-dinja, din reġgħet lura b'mod permanenti bħala wirja fiċ-ċentru. Il-wirja permanenti hija kollaborazzjoni bejn bosta soċjetajiet u mużewijiet storiċi biex jiġu pprovduti interpretazzjonijiet tal-kollezzjoni. Is-suġġetti tar-ritratti baqgħu mhux identifikati għal xi żmien. Meta l-wirja kienet għadha qed tivvjaġġa madwar id-dinja, il-komunitajiet Aboriġini fejn ittieħdu r-ritratti pprovdew iktar sfond u "vuċi" għar-ritratti.

Il-faċilità ġiet iddisinjata minn Le Blond Partnership, ditta arkitettonika f'Calgary. Id-disinn ingħata l-medalja tad-deheb tal-Gvernatur Ġenerali għall-Arkitettura fl-1990.[4][5]

  1. ^ a b ċ d Centre, UNESCO World Heritage. "Head-Smashed-In Buffalo Jump". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2024-06-17.
  2. ^ "Head-Smashed-In Buffalo Jump World Heritage Site". web.archive.org. 2015-07-07. Arkivjat mill-oriġinal fl-2015-07-07. Miġbur 2024-06-17.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  3. ^ "Legend of Head-Smashed-In Buffalo Jump". web.archive.org. 2013-02-28. Arkivjat mill-oriġinal fl-2013-02-28. Miġbur 2024-06-17.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  4. ^ "The Architecture - History Alberta webpage" (PDF). Arkivjat minn l-oriġinal (PDF) fl-2013-05-19. Miġbur 2024-06-17.
  5. ^ "Architecture Canada - Governor General's Medals Recipients". web.archive.org. 2014-05-02. Arkivjat mill-oriġinal fl-2014-05-02. Miġbur 2024-06-17.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)